Aħna nemmnu li Int m’intix sempliċiment numru.
Aħna tassew nemmnu li l-istudenti m’humiex sempliċiment klijenti ta’ l-edukazzjoni. Il-konvinzjoni tagħna hi li l-istudenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala sħab sħaħ ta’ l-istess istituzzjonijiet edukattivi.
Aħna qegħdin nisħqu fuq dawn id-9 punti għax tassew konvinti li d-drittijiet akkademiċi u d-drittijiet demokratiċi ta’ l-istudenti għadhom jitjiebu.
It-talba tagħna hija msejsa fuq il-ħtieġa ta’edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalità għal kulħadd. Istituzzjonijiet post-sekondarji u dawk terzjarji għadhom jkollhom biżżejjed riżorsi sabiex joffru edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalità.
Bħala soċjal-demokratiċi u progressivi aħna nisħqu li l-edukazzjoni m’għandiex biss taqdi s-suq tax-xogħol iżda għanda tagħti s-sehem tagħha lejn ċittadinanza dinamika, lejn soċjetà aktar demokratika, lejn il-ħelsien u l-emanċipazzjoni ta’ l-individwu. Għal dawn l-għanijiet aħna qegħdin nisħqu l-ħtieġa ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u tat-twettiq sħiħ tal-Proċess ta’ Bologna.
Aħna konxji li bl-istrateġija ta’ Liżbona, sa l-2010 l-Ewropa trid issir l-aktar ekonomija msejsa fuq l-għarfien, għalhekk il-Kummissjoni Ewropea qed tindirizza riformi fi ħdan l-ogħla istituzzjonijiet edukattivi. F’kull statistika hekk mħabbra dwar l-Aġenda ta’ Liżbona, Malta qed tisfa ma’ ta’ l-aħħar. Għalina dan mhux aċċettabbli.
Il-ħolma tagħna hi li nkunu fost l-aqwa fl-Ewropa.
Ejja niksbu dan flimkien.