Merħba fis-sit tal-Forum Żgħażagħ Laburisti

Demokrazija Mhedda

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti jikkundanna dak li ġara il-bieraħ fil-Parlament. Hija naċċettabbli li wara li ttieħed vot, il-Viċi Prim Ministru jakkuża lill-Membru Parlamentari Laburista, Justyne Caruana, li vvutat kontra l-mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat sabiex jitħarbat il-proċess tal-vot.

L-iSpeaker Michael Frendo aġixxa b’mod deplorabbli, fejn ċeda għall-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista u ma kienx kapaċi jiddeċiedi fuq dak li kulħadd seta’ jara u jisma’.

Il-jum tal-bieraħ jibqa’ mfakkar bħala tebgħa kbira fl-istorja tad-Demokrazija moderna f’pajjiżna. L-għola iStituzzjoni tal-pajjiż ġiet irredikolata u komplew jintbagħtu messaġġi negattivi li jbegħdu n-nies mill-politika.

Aħna ż-żgħażagħ m’aħniex lesti li naċċettaw attitudni simili, fejn għandna pajjiż mmexxi minn Gvern li lest jgħawweġ kull tip ta’ fatti biex jaqdi l-ħtiġijiet tiegħu, anke jekk bl-aktar mod anti-demokratiku.

Il-bieraħ kompla joħroġ fiċ-ċar id-differenza bejn iż-żewġ partiti politiċi llum – fuq naħa għandna Gvern li lest saħansitra jiddefendi korruzzjoni lampanti anke b’mezzi li jmorru kontra kull prinċipju demokratiku u fuq in-naħa l-oħra għandna Oppożizzjoni serja li lesta tiddefendi l-interessi tal-poplu Malti akkost ta’ kollox, fejn is-saħħa u l-ġejjieni taċ-ċittadini jiġu l-ewwel u qabel kollox.

FORUM ŻGĦAŻAGĦ LABURISTI, ĊENTRU NAZZJONALI LABURISTA, TRIQ MILE-END, ĦAMRUN © 2000-2010